Tfejt
Dil-kanzunetta hu li nista’ ntik.
Tippretendix affarijiet kbar.
Ma nistenniekx tibdel l-ilma fi nbid.
Jien għal haw’, int kompli sejjer.
Rit: O Mulej Alla tiegħi dejjem tistaqsini u jien ma nafx.
Ejja ħu magg te miegħi, forsi nista’ ngħinek taqta’ l-għatx.
O Mulej ħabib tiegħi dejjem idħaq, ferraħ lil kulħadd.
U jekk mal-ħin tibda’ tegħja, poġġi ħdejja u naqliblek platt.
Għedtli nżomm dejjem id-dawl mixgħul, iżd’issa sar il-ħin u tfejt.
Jien għal hawn, tridx tibqa’ ħdejja? Ilgħala qed tibki Pawl?
****************************
Għandi l-għatx
Pruvajt nikteb poeżija iżda ma rnexxilix.
Mort anke sal-Etjopja biex nagħmel il-ġid.
Irrid indoqq dil-melodija, ma rridx inwassal messaġġ.
Melodija antipatka b’ritmu antipatku.
Melodija ftit prekarja li ma tantx taqtagħlek għatx.
Prova kanzunetta oħra jew mur sal-Mandraġġ.
Kull filgħodu nqum imdamdam qisni biċċa xiħ marid.
Naqbad żobbi u nfaqqagħlu ħa nneħħilu s-sadid.
Rit: Xarrabtlek xufftejk, stejqer għal ftit.
Kemm hi iebsa l-qabża! Iżda daqt tasal jekk Alla jrid.
Id-dubbien daqt se jattakka, jaqbel li nsejħu ‘l tas-S.A.I.
Soċjetà Anti-Insetti, jirbħu kull kumbatt.
Jew nilagħbu logħba oħra, inti oqgħod il-mamà,
storja ta’ kif fantażija serqet realtà.
O Marija l-iżjed ħelwa, minn ġot-tempju noħorġuk,
nidilkuk biċ-ċikkulata biex nuruk li nħobbuk.
Tereż, int in-nanna tagħna u lejk għandna kull rispett!
Kuntenti aħna nkunu miegħek, mhux bħal fi żmien l-interdett.
****************************
Sekwestrin
Demmi issa vvalenat. Kont ħadt is-sekwestrin.
Inħares lura u ninduna kemm fil-qalb hemm dispjaċir.
Sekwestrin
Friegħi minn ġismi ħerġin, il-fjuri tal-ħadid.
L-art mielħa u mal-ewwel xita se jiekolni is-sadid.
Dejjem tistaqsi hux! Issa dak li hu hu. Sekwestrin.
Ma bsartx li se nasal s’hawn, għajnejja miksurin.
Jien tħawwilt ġo dan il-vojt il-kbir. Kemm dam biex għadda l-ħin!
Inħares lura u ninduna kemm fil-qalb hemm dispjaċir.
Inħares lura u ninduna kemm fil-qalb hemm dispjaċir.
Dejjem tistaqsi hux! Issa dak li hu hu.
Dejjem tistaqsi hux! Issa dak li hu hu.
Tlaqtni bħal buffura riħ.
****************************
Is-sengħa tal-imħabba
Int togħġbok il-moħqrija
Twaddabni ‘l hemm u ‘l hawn
B’kelma ttellagħni l-ġenna
Ma ndumx wisq ma ninżel l-art.
Inti fjura selvaġġa
Inti l-bidu u t-tmiem
Ejja missni u fejjaqni
Inti d-duwa, jiena l-ġdiem.
Għajnejk iħarsu lejja
Fommok ma jkellimnix
U donnok trid xi ħaġa tgħidli
U għall-mistħija ma tgħidlix.
Is-sajjied mingħajr il-qasba
In-nassab mingħajr ix-xbiek
Għallimni s-sengħa tal-imħabba
Forsi qalbi tistrieħ.
****************************
Miegħek immur
Taf li rrid insir parti mill-mewġ,
Jew ċagħqa fuq bajja, ramla waħda fil-plajja.
Ma rridx sehem mill-frott tal-art.
Onfoħli, itfini, ħassarni, insini.
Taf li rrid miegħek immur, miegħek immur, miegħek immur.
Il-ġenna li trid mhux qiegħda ‘l bogħod.
Titlaq inti, nitlaq jien, filkas jien noqgħod barra.
Naf, ma tafx, li dis-sena fjakk il-ħsad.
Kienet sena ta’ qtigħ il-qalb.
Taf li rrid miegħek immur, miegħek immur.
Mhux ħtija tagħna li qegħdin hawn illum.
****************************
Erġajt waqajt f’koma
Daħlet ix-xemx, il-baħar qed jitqalleb,
qabad jonfoħ ir-riħ, mhux sinjal tajjeb.
F’moħħi hemm dlam, erġajt waqajt f’koma,
xufftejja mqarqċin u togħma morra.
Ħmura fil-ħolm, kulħadd qiegħed jispara.
Hemm gwerra wara l-bieb, funeral f’darna.
Ma tagħmlu xejn ma’ ġens qalbieni bħalna.
M’hemmx ċans l-invażur li jidħol f’darna.
Amen, amen
Daħlet ix-xemx, il-baħar qed jitqalleb,
qabad jonfoħ ir-riħ, mhux sinjal tajjeb.
Agħmlu kuraġġ, għandna naħbtu ma’ gżira,
nies twajba li jilqgħuk b’ħobża u sardina.
Amen, amen, amen, amen.
****************************
Id-diqa ħelwa ta’ filgħaxija
Id-diqa ħelwa ta’ filgħaxija
Twennisni, timlieli l-vojt.
Did-diqa ħelwa kollha għalija
U tiegħi hi biss.
Dejjem tara x’tagħmel u x’tivvinta kull filgħaxija.
Biex tissaħħaħ dejjem taf li s-sema hemm.
Għax widnejja kollha faħam, widnejja kollha faħam.
Ninġabru flimkien.
Did-diqa ħelwa xej’ ma fiha,
Kitarra u sigarett.
Waħdi haw’ fuq fil-gallarija,
bil-ħajja fil-bogħod.
Għax bil-kalma żgur li tiġi.
Dejjem isma’ ħalli tiġi.
Għax did-dalma żgur li titlaq bis-serħan.
Id-diqa ħelwa ta’ filgħaxija
twennisni, timlieli l-vojt.
Tipprova ddeffes denbha l-ħtija.
Dejjem tara x’tagħmel u x’tivvinta kull filgħaxija.
Biex tissaħħaħ dejjem taf li s-sema hemm.
Għax widnejja kollha faħam, widnejja kollha faħam.
Ninġabru flimkien.
****************************
Kuraġġ Bezzina
Se nitilfek għal ftit.
Se nitilfek għal ftit.
Intbaħt li kieku beżgħan, kieku beżgħan m’iniex, jew forsi ftit.
M’hemmx iktar xi ngħidu, poġġi ħdejja u nistennew.
Għamilt li stajt, kuraġġ Bezzina, int tifel sew!
Dejjem għamilt kollox sew.
****************************
Il-Ġorf
Imxejt bil-kwiet f’mogħdija bl-ifjen trab
Taħti l-Ġorf dalwaqt se jibla’ l-blat.
Ġa kważi dalam, ‘l haw ma jersqux nies
Ħlief fil-karozzi biex jaħxu fis-skiet.
Hemm kamra monument wara tant snin
Il-ħruq ġo sidri u is-swaba’ kesħin.
Ħsibt li fottejtek, għamiltlek ħażin
Intbaħt li kont tgħammidt bl-ilma tal-bir.
Rit: Għidli, fej’ kont tkun inti dak iż-żmien?
Fiċ-chewing gum fil-baħar li jagħrax l-ilsien.
Fil-ħobż biż-żejt, fis-sjesta, fil-kuntatti taħt il-friex
li lanqas melħ ta’ baħar miftuħ ma jfejjaq.
Tidher kuntenta ferm f’dak ir-ritratt
Xej’ ma jiddispjaċini mill-pass li kont ħadt.
Hemm żibel mormi u fjuri fil-viċin,
u nifhem ‘l għala m’aħniex ta’ xulxin.
Irrid inħares lejk, narak mill-bogħod,
għax fil-preżenza tiegħek qed nirtogħod.
O baħar kbir ejja tini bis-sieq.
Ftit diqa ħelwa hu dak li nixtieq.
****************************
Dritt għall-qiegħ
Taf biċ-ċert x’inhu tiegħek?
Kollox mogħti b’xejn, int taf, qtajtlek id-dejn.
Aħwa fi Krishna, ma’ Kristu,
hey presto kulħadd ħbieb, miraklu tal-ħallieq.
Għax ma tmurx tfittex band’oħra?
Fejn jistgħu jifhmuk,
jaf anke jkunu jriduk.
Taqtax qalbek ħudha l-qabża.
Taħtek abbiss, fondoq ikrah, baħar jibla’ n-nies.
Rit: Mal-kbir profeta,
ma’ Ġesù Kristu,
m’Abraham missierna,
kulħadd dritt għall-qiegħ.
Kont barrani u lqajtuni.
Jixlini dal-kliem, meta naf jien kif jien.
Baħħru għas-sema pajjiżhom.
Vjaġġaw fil-ġuħ u l-bard, u issa għandhom b’wirthom l-art.
Rit: Mal-kbir profeta,
ma’ Ġesù Kristu,
missierna Abraham,
sieħbi Faizal.
Kulħadd dritt għall-qiegħ.
U għaliex? Xortik mhijiex xortija.
****************************
Tgħidli le
Din l-għanja hija illużjoni, minna nies illużi.
Taf li jekk tgħidli le, jista’ jkun li jaqbilli hekk.
Taf li triqatna ‘l bogħod, int fil-Lvant, jiena fil-Punent.
Jekk ser tistad, għandek tkun taf, għandek tkun taf li jiena mejjet.
Kliem li jiftħu l-bibien midfunin f’xagħri kollu xewk.
Taf li ssaħħan il-qlub. Inti x-xemx, taħtek qed indub.
Żmien itfi dan-nirien. Roxx l-irmied għax naħseb kien divin.
Inħlejt. Ejja għax għajjejt. Nistenniek taħt siġra fid-dell.
Jekk ser tistad, għandek tkun taf, għandek tkun taf li jiena mejjet.
****************************
Kanzunetta biex timla
Din kanzunetta biex timla.
Din kanzunetta biex timla.
Din kanzunetta biex jgħaddi l-ħin.
Din kanzunetta biex jgħaddi l-ħin.
Din kanzunetta biex timla.
Din kanzunetta flok pirmla.
Din kanzunetta biex jgħaddi l-ħin,
Biex forsi jħenn għalina l-bambin.
Din kanzunetta kontra l-monotonija,
għax m’għandix ħeġġa mmur sa Sqallija.
Din kanzunetta biex jgħaddi l-ħin.
Żrajt il-qamħ nibtet sikrana,
żrajt ix-xgħir nibet ħafur.
Minn x’ħin jisbaħ sa ma jidlam,
nikkonfondi fej sa mmur.
Xita għamlet bir-riħ isfel.
Fej’ se mmorru nirtiraw?
Immorru s’għand il-furnara,
u biċċa ftira niddubbaw.
Il-Ġenna ma tmurx bid-dgħajsa,
u lanqas tmur bil-karozzin.
Għax il-Ġenna mhix ix-Xgħajra
U lanqas hija Xrobb l-għaġin.
Kemm nixtieq inbusek bewsa,
u tal-bewsa nħallas lira.
Għax il-lira tmur u tiġi,
u il-bewsa tibqa’ tifkira.
Qalu l-baħar jieħu u jagħti.
Lili ħadli u ma tanix.
Ħadli lill-maħbub ta’ qalbi,
tlabtulu u ma tahulix.
Mp3 minflok quddiesa,
kaxxa pizza flok insum,
mixi biex inkeċċu x-xjaten.
Terapija għal erbgħin jum.
Għandi għoqla fuq l-istonku,
u ma nistax nara ċar.
Moħħi issa ddallam sewwa.
Fittex ħudni lejn id-dar.
Din kanzunetta biex timla.
Din kanzunetta biex timla.
Din kanzunetta biex jgħaddi l-ħin.
Din kanzunetta biex jgħaddi l-ħin.
Din kanzunetta biex jgħaddi l-ħin,
biex forsi jħenn għalina l-bambin.
Comments by brodu-admin